Birkirkara C

Ftuħ Tal-Qasam

Il-Qasam ta' Birkirkara 'C' beda bħala branch fis-sena 1941.

Superjuri

  • Elena Grech
  • Mary Psaila
  • Carmen Xuereb
  • Mary Azzopardi
  • Maria Xuereb Settembru 1996 - 1999
  • Carmen Vella Ġunju 1999 - Settembru 2006
  • Pauline Dimech Ottubru 2006 -

Attivitajiet Fil-Qasam

  • Il-bidu ta' dan il-qasam kien biss bħala fergħa tad-duttrina fi żmien il-gwerra ta' l-1941, taħt it-treġija tas-Superjura Elena Grech.
  • Dak iż-żmien, is-Soċjeta lanqas kellha lokal fejn jistgħu jinġabru t-tfal għad-duttrina. Għalqastant, il-Patrijiet O.F.M.C., li f'dak iż-żmien kienu refuġjati fi Triq l-Imsida, offrew lis-Soċjeta l-kappella u ż-ewġt ikmamar ta' ħdejha biex isir it-tagħlim fihom. Kien hemm numru kbir ħafna ta' tfal li kienu jattendu regolari. Meta l-kmamar kellhom jitwaqqgħu biex tibda tinbena l-Knsija, is-soċi kellhom imorru jgħallmu ġo remissa mislufa lilhom f'Wejter Street.
  • Għal xi żmien, imbagħad, is-soċi bdew jgħallmu f'bini li l-Gvern kien ħa biex jużah bħala skola, bini li qabel kienu jitrabbew fih il-barrin. Iktar 'il quddiem, il-permess li jsir it-tagħlim tad-duttrina f'din id-dar ġie rtirat, u s-soċi sabu ruħhom barra mill-ġdid. Wara ftit taż-żmien is-soċi reġgħu sabu għajnuna mis-Sorijiet Agostinjani li kellhom skola proviżorja f'Wejter Street. Iżda s-soċi reġgħu sabu ruħhom bla dar, meta s-sorijiet marru Fleurs-de-Lys.
  • Il-patrijiet O.F.M.C. reġgħu offrew żewġt ikmamar oħra ġodda milli kienu bnew, imma s-Soċjeta dehrilha li aħjar ikollha lokal għalina, u wara tiftix u taħbit, ġiet mislufa lis-Soċjeta dar oħra, faċċatta ta' l-istess Knisja tal-patrijiet, f'Imsida Street u li kienet għall-bejgħ. Wara xi sentejn, din id-dar inbiegħet u kellu jinstab lokal ieħor. Wara xi żmien instab meżżanin ġo kerrejja fi triq l-Imsida. Hawn kienu jsiru mhux biss tagħlim tad-duttrina, imma wkoll Lectures għall-kbar u għaż-żgħar. In-nisa (u xi rġiel ukoll) kienu jattendu numerużi. F'din id-dar kienu sejrin tajjeb, għalkemm neqsin minn kull kumdita'. Iżda, ġie mis-safar it-tifel ta' sid id-dar, u bil-fors ried ikeċċi lis-soċi. Hawnhekk is-soċi rċevew bosta insulti u tmaqdir. Saħansitra, darba minnhom sabu li mal-lejl kienu daħħlu l-għamara tagħhom fuq, u lis-soċi ħallewlhom biss żewġt ikmamar għall-użu tat-tagħlim. B'hekk is-soċi kienu qegħdin jgħixu f'dar fejn in-nies kienu telgħin u neżlin, u fejn kien jinstema' għajjat, storbju, u anki dagħa. Darba minnhom sa sabu l-ħitan, il-bankijiet, il-kotba u l-istampi imċappsin bil-ħmieġ. Għalkemm il-Viċi Parroku ta' dak iż-żmien ipprova jagħmilha ta' medjatur, kien kollu għal xejn u s-soċi kellhom jitilqu minn dik id-dar.
  • Wara ftit taż-żmien, is-Soċjeta' xtrat dar li kienet tinsab f'Numru 1, Wejter Street. Anki hawnhekk, għall-ewwel 3 snin, baqa' jsir it-tagħlim tad-duttrina biss. Il-post baqa' kkunsidrat bħala fergħa mal-Qasaam ta' Brared Street. Iżda peress li s-soċi ta' din iż-żona jinsabu mbegħdin mill-Qasam ta' Brared, talbu biex jibdew jagħmlu l-Assenjatur f'dan l-istess Qasam. Is-Superjuri aċċettaw din it-talba u nbeda l-Assenjatur fis-6 ta' Jannar 1976. Matul l-istorja ta' dan il-Qasam, iżda, speċjalment matul is-70's u l-80's, kemm-il darba nsibu fażijiet meta l-Assenjatur kellu jitwaqqaf u s-soċi kienu jingħaqdu għall-Assenjatur mal-Qasam ta' Brared.
  • Id-dar f'Wejter Street kienet dar antika u mħarbta, iżda bil-għajnuna tal-Kanonku Dun Anton Mallia u bosta benefatturi ġiet irranġata. Matul is-snin sarulha bosta tibdiliet strutturali. Ma dan l-post għandna fatt ieħor interessanti. Jingħad li fil-bidu tiegħu, xi tfal subien kienu joqgħodu jitfgħu l-ġebel anki fil-bitħa li kienet f'nofs il-kmamar u anke xi bniet imqarbin bdew jittantaw lis-soċi. Imbagħad is-soċja Giuseppina Calleja ssuġġerriet li jitpoġġa kwadru ta' San Mikiel, faċċatta tal-bieb ta' barra u malli poġġejnieh bl-għajnuna t'Alla dan l-inkwiet waqaf.
  • F'Novembru 1988 għamlet maltempata kbira. L-ilma sa laħaq is-switches ta' l-elettriku. Il-Qasam ħa sitt xhur biex reġa ġie f'tiegħu. Sofra telf kbir ta' kotba u ta' affarijiet oħra. Sadanittant, id-duttrina u l--assenjatur kienu jsiru fid-dar ta' Guiseppina Calleja u tan-neputija tagħha Mary Azzopardi, f'Numru 62, Triq l-Imsida jew inkella għand il-patrijiet.
  • Fit-23 ta' Settembru 1997 seħħet maltempata oħra. Reġgħet saret ħsara kbira fil-qasam. Sa anke infetħet l-art, tfisser il-madum u tfaċċat kantina. Kull ma kien hemm isfel, għamara, friġġ, wall-units, siġġijiet kollox spiċċa gozz. Il-Qasam reġa daħal fi spejjeż kbar. Biex tgħaqqad wkoll xi żgħażagħ kienu serqu xi affarijiet.
  • Fis-sena 2000, is-Soċjeta' xtrat il-post ta' 59/61, Triq Kalċidon Gatt, ta' Paris, B'Kara, li beda jintuża' bħala qasam f'Jannar tas-sena 2001. Fit-18 ta' Frar saret quddiesa bħala ftuħ tal-Qasam.
  • Fost l-istejjer marbuta ma' dan il-qasam, insibu dan ir-rakkond: Fit-23 ta' April 1991 ġiet fil-Qasam f'Wejter Street l-Assistenta Ġenerali Vincenza Azzopardi. Kellha ħsieb li tagħmel lezzjoni dwar id-dnubiet tat-tajbin, lezzjoni li kienet semgħet ftit qabel. Iżda meta fetħet il-pitazz fejn kellha n-noti ma setgħetx issibhom, u ddeċidiet li tagħmel oħra. Wara t-talb tal-bidu, instema' storbju sħiħ fil-kamra ta' ħdejn il-bieb ta' barra. Is-soċi li kienu preżenti jgħidu li semgħu bankijiet jinqalbu, storbju ta' ħafna oġġetti jaqgħu fl-art u ħoss ta' qanpiena. Mary Azzopardi marret biex tara x'ġara u sabet kollox f'postu. Is-soċi interpretaw dan l-episodju bħala tfixkil mix-xitan. Sadanittant, il-lezzjoni nstabet u s-soċi stqarru li kienet ta' ġid kbir għalihom. Mary Azzopardi, kien hemm preżenti wkoll Rina Agius u Dolor Agius.
  • Is-Superjura Pauline Dimech bdiet isservi nhar it-Tnejn 2 ta' Ottubru 2006.

Dun Ġorġ U L-Kuntatt Tiegħu Mal-Qasam

  • Giuseppina Calleja, waħda mill-ewlenin soċi ta' dan il-qasam ħadmet ħafna flimkien mal-Fundatur, siegħa fil-kitba u kif ukoll fil-ftuħ ta' ħafna oqsma f'Malta. Mietet fl-10 ta' Novembru 1980, ta' 87.

Ġranet U Ħinijiet Tat-Tagħlim Tal-Katekiżmu

  • Mill-Kindergarten sal-Grizma - L-Erbgħa u Ġimgħa mill-5.00pm sas-6.00pm
  • Year 6 - Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mis-5.00pm sas-6.00pm
  • Form 1 u 2 - Tnejn, Erbgħa u Ħamis mis-5.00pm sas-6.00pm
  • Ħarġa l-Ħadd fix-Xitwa mit-3.00pm sas-6.30pm u fis-Sajf mit-3.30pm sas-7.00pm

Attivitajiet Ġenerali Li Jsiru Matul Is-Sena

  • Ftuħ tas-Sena Kataketika
  • Grizma ta' l-Isqof u ċ-ċerimonja tad-Domna.
  • Attivitajiet konnessi ma' l-Avvent u l-Milied. In-Novena tal-Milied, Premjazzjoni, l-Purċissjoni bil-Bambin u Party għat-tfal fil-Milied.
  • Ġimgħa ta' tagħlim għall-adulti.
  • Attivitajiet konnessi mar-Randan u l-Għid. Laqgħat għat-tfal, laqgħat imtella' mit-tfal għall-ġenituri, l-Ewwel Qrara għat-tfal li jkunu se jirċievu l-Ewwel Tqarbina
  • L-Ewwel Tqarbina u ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija u tal-Qalb ta' Ġesu'.
  • Attivitajiet bħal ma' huma Crafts, jiġu organizzati ħarġiet u jsiru laqgħat ta' mistrieħ fil-Qasam kemm għat-tfal u kemm għall-ġenituri.
  • Minbarra mil-laqgħat li jsiru fil-Museum, it-tfal jipparteċipaw ukoll f'attivitajiet imtella' fil-Parroċċa ta' St Elena, kif ukoll fiċ-ċelebrazzjoniet liturġiċi li jsiru fil-Knisja ta' St Antnin.
  • Il-Parroċċa St Elena tieħu ħsieb torganizza numru ta' laqgħat għat-tfal kull sena fosthom fl-Avvent, fir-Randan, wara l-Għid u f'St Elena. Ningħaqdu mal-Parroċċa wkoll għall-Kwaranturi, għall-Adorazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira filgħodu, għat-Tridu tal-Festa, u għal xi Purċissjonijiet, bħalma huma tat-Tre Re, tad-Duluri u ta' Corpus Christi.
  • Għall-festi liturġiċi bħal ma huma l-Quddiesa tal-Milied, ta' Ħamis ix-Xirka, u l-Adorazzjoni tas-Salib tal-Ġimgħa l-Kbira, nieħdu sehem flimkien mal-Komunita' ta' St Antnin.

Informazzjoni Biex Tikkuntatjana

Indirizz: MUSEUM BNIET, 59, Triq Kalċidon Gatt, Birkirkara. BKR04. Malta

Tel: (+356) 21495688 Email: pdimech@gmail.com