Santa Venera-Qasam Nru. 26

- Santa Venera Bl-ordni tal-Fundatur u tas-Superjura Ġenerali, Giovanna Cutajar, is-soċja Nazzarena Camilleri għamlet talba lill-Patri Andrea Spiteri O.C., kappillan tal-parroċċa ta' Santa Venera, biex jinfetaħ Qasam tal-MUSEUM fil-parroċċa. il-kappillan laqa' din it-talba u l-Qasam ġdid infetaħ fis-17 ta' April 1934. F'dak il-jum, il-Fundatur għamel diskors ta' l-okkażjoni. Fit-8 ta' Mejju 1934 inkriet id-dar nru. 40 fi Triq San Ġorġ, Iżda f'Awissu ta' l-istess sena, minħabba li n-numru tat-tfal kiber ġmielu, inkriet dar oħra ikbar f'nru 36 fl-istess Triq. L-ewwel membri tal-Qasam kienu Nazzarena Camilleri, li kienet magħżula bħala superjura proviżorja u Antonia Xerri. Dawn Iż-żewġ membri kienu diġa soċji qabel ma nfetaħ il-Qasam. It-tagħlim beda fil-15 ta' Mejju 1934 u l-għada saret l-Ewwel Qagħda tal-barranin. F'April 1935 saret l-ewwel ċerimonja tal-knadidati lil erba' żgħażagħ u f;Ġunju ta' l-istess sena, ħamsa u tletin tifla tressqu għall-Ewwel Tqarbina u għall-Grizma ta' l-Isqof. F'Awissu ta' l-1936, il-Pirjol Alfonso Zammit O.C. ġedded il-permess biex terġa tinfetaħ dar għad-duttrina fil-Fleur-de-Lys taħt is-sorveljanza tal-Qasam ta' Santa Venera minħabba li l-Fleur-de-Lys għadu mhux parroċċa. Fil-15 ta' Frar 1938, inbidlet ir-residenza tal--Qasam ta' Santa Venera, għad-dar nru. 22, Triq il-Kardinal Sciberras. Dan il-lokal għadu jintuża sal-lum. Fl-1959 ittieħed it-terran ta' taħt il-Qasam biex jitkabbar il-post, u kemm il-Qasam oriġinali kif ukoll it-terran ta' taħtu inxtraw fl-1975. Maż-żmien inbniet kamra fil-bitħa u sar ukoll xogħol ta' rinovament fil-Kappella. Fil-11 ta' Ġunju 1940, l-Assenjatur kellu jieqaf minħabba l-gwerra u d-dar tal-Qasam inkriet lir-refuġjati. Għal xi żmien, l-Assenjatur u t-tagħlim tad-duttrina kienu jsiru fid-dar tas-superjura Nazzarena. Il-fundatur ġieli ġabar hemmhekk xi Oqsma tal-qrib għal xi lezzjoni. Matul il-gwerra, kien hemm żmien li d-duttrina kienet issir ukoll f'għalqa qrib il-Qasam. Id-dar ta' Fleur-de-Lys ukoll ittieħdet mill-Protection Officer għar-refuġjati u d-duttrina bdiet issir fid-dar tas-sinjura Soler. Sadattant, f'Mejju u f'Lulju 1941, infetħu żewġt idjar oħra għad-duttrina, waħda fi Triq il-Kanun u l-oħra fi Triq l-Imsida. Imma wara ftit snin għalquhom it-tnejn. Il-Qasam ġie konsagrat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesu' u ta' Marija mill-Fundatur fl-10 ta' Frar 1951. Dak inhar, Dun Ġorġ qal lil dawk preżenti li kien ra lill-Madonna tbierek lil kull waħda preżenti. Fit-28 ta' Ottubru 1954 il-Fundatur ikkonsagra lill-membri preżenti minn soċji sa tfal, lill-Madonna tal-Bon Kunsill. Is-superjura Nazzarena, fl-1958 intagħżlet fil-KBO Iżda xorta waħda baqgħet tmexxi l-Qasam. Fl-1968 tawha l-inkarigu ta' Ekonoma Ġenerali u għalhekk ma setgħetx Iżjed tmexxi l-Qasam hi. Flokha bħala superjura nagħtat l-inkarigu s-soċja Mary Debono li kienet Servjeta Ġenerali ta' l-Istorja. Is-superjura Mary damet tmexxi l-Qasam sa l-1990 meta tawha l-inkarigu biex tmur tmexxi wieħed mill-Oqsma ta' Ħal-Qormi. Flokha ntagħżlet soċja mill-Qasam, Helen Caruana. Ta' min jgħid li l-ewwel superjur tal-Qasam ta' Sta. Venera mietet fl-1 ta' Novembru 1979. Il-Qasam ta' Santa Venera ċċelebra il-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu fl-1984. Dan il-Qasam dejjem kien u għadu wieħed attiv sewwa. Il-fundatur kien midħla sew ta' dan il-Qasam u kien Iżuru ta' spiss biex jagħmel il-laqgħat lill-membri. Kien ukoll ifittex din id-dar biex jagħmel it-talb tegħu u kien propju f'din id-dar li jingħad li kellu esperjenza kerha tax-xitan. Kemm-il darba Dun Ġorġ kien imur f'din id-dar biex flimkien mas-soċji jikteb xi Programm Speċjali, il-Questita jew kitba oħra. Ta' min jgħid ukoll li f'dan il-Qasam trabbiet u saret soċja l-ex Superjura Ġenerali Hilda Chircop. Nitolbu lill-Mulej biex jibqa jbierek lil dan il-Qasam. Jalla s-soċji ta' Santa Venera, li tant kienu midħla tal-Fundatur ixerrdu l-ispirtu tiegħu mas-soċji l-oħra għall-akbar glorja ta' Alla u għall-ġid tal-proxxmu tagħna.