Burmarrad Qasam Nru 29

- Burmarrad Sas-sena 1971 Burmarrad kien jagħmel parti mill-parroċċa ta' San Pawl il-Baħar. Fl-1936 is-Soċjeta' kienet fetħet Qasam għas-Sezzjoni Femminili f'San Pawl il-Baħar (iilum vakanti) u diversi tfajliet minn Burmarrad kienu jmorru f'dan il-Qasam għat-tagħlim. Ħafna minnhom kienu jaħdmu fl-għalqa u wara ġurnata xogħol kienu jerħulha lejn il-Qasam ta' San Pawl bil-mixi. Ma damx ma nfetaħ Qasam f'Burmarrad. Il-ġurnata tal-ftuħ tal-qasam il-ġdid kienet sewwa sew fit-8 ta' Marzu 1937. L-ewwel dar tal-qasam kienet id-dar numru 24, Triq Burmarrad. Is-soċjeta kienet ħaditha bil-kera iżda maż-żmien xtratha. Sal-ġurnata ta' llum il-Qasam għadu fl-istess dar. Mill-1941 sal-1955 il-Qasam kien jintuża wkoll għal xi klassijiet ta' l-iskola gvern. L-ewwel Superjura Proviżorja kienet Ġużeppina Calleja li kienet fetħet ukoll il-Qasam ta' San Pawl. Is-superjura Ġużeppina kienet tieħu ħsieb Iż-żewġ Oqsma. L-ewwel erba' soċji minn Burmarrad inkorporaw fl-ewwel sena tal-ftuħ tal-Qasam, jiġifieri fl-1937. Is-soċji ta' Burmarrad baqgħu jattendu fil-Qasam ta' San Pawl għal-laqgħat tal-Ħdud. Fit-18 ta' Mejju 1959, it-tmexxija ta' l-Oqsma ta' San Pawl u ta' Burmarrad ingħatat f'idejn is-soċja Ġużeppa Muscat. Is-superjura Calleja ma setgħetx tibqa' tieħu ħsieb iż-żewġ Oqsma minħabba li kienet marret toqgħod 'il bogħod minn San Pawl. F'Burmarrad, is-superjura kellha lis-soċja Victoria Bonnici bħala assistenta tagħha. Aktar tard is-soċja Ġuditta Gauci ġiet inkarigata bit-tmexxija tal-Qasam ta' Burmarrad. Is-superjura Ġuditta għadha tmexxi l-Qasam sal-lum. Għal xi żmien xi soċji minn Burmarrad kienu jmorru jgħinu fit-tagħlim tad-duttrina f'San Pawl il-Baħar. Id-data tat-18 ta' April 1939 tibqa' waħda għażiża għall-Qasam minħabba ż-żjara tal-Fundatur. L-Arċisqof Mikiel Gonzi żar il-Qasam fis-16 ta' Jannar 1947. F'Mejju 1978 ġie ċċelebrat il-41 anniversarju tal-ftuħ tal-Qasam u għal din l-okkażjoni ġiet iċċelebrata Quddiesa bħala ringrazzjament u li għaliha attendiet ukoll is-Superjura Ġużeppina Calleja. Illum fil-Qasam ta' Burmarrad hemm 6 soċji u madwar 60 tifla jattendu għat-tagħlim. Is-soċji ta' Burmarrad ħadmu bis-sħiħ għat-tixrid tal-kelma t'Alla u għadhom sal-lum jagħtu l-kontribut tagħhom. Issa li qed jikbru fl-eta' jinħtieġu vokazzjonijiet ġodda fil-Qasam biex jgħinu fix-xogħol ta' l-appostolat. Jalla f'Burmarrad jinstabu tfajliet kuraġġużi li jisimgħu s-sejħa tal-Mulej li ssejħilhom biex iħaddnu s-Soċjeta tal-Museum u jkunu xandara ta' ismu mal-bnedmin.