Qormi Qasam Nru 7 D

Ħal Qormi kienu ġa jeżistu tliet Oqsma tas-Sezzjoni Femminili, iżda minħabba li l-Griżma ta' l-Isqof bdiet tingħata lit-tfal fl-eta ta' għaxar snin il-klassijiet tad-duttrina żdiedu. Minbarra dan il-fatt, fil-parroċċa ta' San Ġorġ, fin-naħa li tissejjaħ tal-Blat, intela’ bil-bini ġdid u għalhekk marru joqogħdu hemm ħafna koppji żgħażagħ bit-tfal żgħar. Is-Sinjorina M. Carmela Zammit, għalkemm ma kinetx membru tas-Soċjeta kienet ilha tgħallem il-katekiżmu lit-tfal ta' dawk l-inħawi. Kien diffiċli li t-tfal t'hemm imorru x'imkien ieħor biex jitgħallmu minħabba 'l bogħod u wkoll għax wieħed kien irid (u hekk għadu sal-lum) jaqsam il-wied biex jidħol fiċ-ċentru tar-raħal. M. Carmela Zammit ingħaqdet mas-Soċjeta fis-sena 1945 u hekk it-tagħlim tad-duttrina ta' din in-naħa tar-raħal għadda f’idejn is-Soċjeta u l-kappella ta' Santa Marija saret fergħa tal-Qasam ga eżistenti tal-parroċċa San Ġorg, il-Qasam 7 A. Maż-żmien beda inħass il-bżonn ta' Qasam ieħor f'dik in-naħa biex it-tfal ikunu milħuqin sewwa u forsi jitrawmu wkoll xi klassijiet ta' formazzjoni. Il-kappella ta' Santa Marija li kienet ilha tintuża bħala fergħa tad- duttrina għall-Qasam Qormi A kienet iddestinata biex fiha jinfetaħ il- Qasam il-ġdid. Is-Superjura Ġenerali, Elvira Ellul, bagħtet lis-superjura M. Carmela Zammit, li kienet ilha 19-il sena superjura tal-Qasam A, flimkien ma' 4 soċji oħra mill-istess Qasam. Is-superjura M. Carmela kienet ilha snin twal prokuratriċi tal-kappella ta' Santa Marija u kienet ukoll toqgħod fil-viċin ħafna. Il-Qasam il-ġdid, li beda jissejjaħ Qormi D infetaħ fl-l ta' Ottubru 1978 fi żmien l-Arċipriet Dun Pawl Attard, issa Monsinjur. Fl-okkazjoni tal-ftuħ tal-Qasam saret Sajda Museumina ta' ġimgħa. Fit-3 ta' Diċembru ta' l-istess sena tal-ftuħ tal-Qasam, l-ewwel grupp ta' 28 tifla irċevew is-sagrament tal-Grizma ta' l-Isqof u fis-17 ta' Ġunju 1979, 27 tifel u tifla irċevew l-Ewwel Tqarbina. F'Ottubru 1996, ġie deċiż mis-superjuri tas-Soċjeta li l-membri tal-Qasam D s-subien iżommuhom biss sakemm dawn jagħmlu l-Preċett. F'Ottubru tas-sena 1979 bdew isiru l-Qagħdat għan-nisa u x-xebbiet u sena wara, f’Mejju 1980, 6 tfajliet ta' 11-il sena għamlu ċ-ċerimonja li tissejjaħ ta' l-Imsejħin. F'Settembru 1984, bdew isiru laqgħat ta' darba fix-xahar għall-istudenti. Minn dak in-nhar 'l hawn, għalkemm saru diversi ċerimonji oħra lil tfajliet ta' 11 jew 12-il sena, sfortunatament qatt ma saru ċerimonji lil tfajliet ta' eta akbar. Il-membri tal-Qasam D kienu spiss jingħaqdu mal-Qasam A għal xi Programmi Speċjali u kull darba li saret Sajda Museumina fil-parroċċa ta' San Ġorġ, il-Qasam D dejjem ħadem id f’id mal-Qasam A li qiegħed fl-istess parroċċa. Il-kappella fejn kienu jiltaqgħu u jgħallmu s-soċji ma kienetx toffri spazju biżżejjed għall-bżonnijiet tal-Qasam u għalhekk inħasset il-ħtiega li jinstab lokal ieħor fil-qrib li jkun aktar spazjuż. F'Ġunju 1988 ġiet l-opportunita biex is-Soċjeta takkwista dar. Is-Sur Ġorġ Schembri kellu f’idejh id-dar li ħalliet żitu li tagħha hu kien prokuratur. Is-Soċjeta xtrat id-dar mingħandu u l-werrita l-oħra. Ġorġ huwa benefattur kbir ta' dan il-Qasam għaliex, minbarra xi oġġetti ta' siwi li ta, is-sehem li messu mill-post ċedieħ lis-Soċjeta. Bħala rikonoxximent lil clan il-benefattur u l-familja tiegħu kif ukoll lil benefatturi oħrajn, il-Qasam għadu joffri żewġ quddisiet fis-sena għall-bżonnijiet tagħhom u għar-ruħ min minnhom miet. Il-post li nxtara kellu bżonn tiswijiet ftit jew wisq estensivi u x-xogħol tlesta f' April 1989. It-tberik tad-Dar il-ġdida sar fit-3 ta' l-istess xahar. Kif kien xieraq, saru ġranet ta' ċelebrazzjoni u talb bħala preparazzjoni għal dan l-avveniment. Fost attivitajiet oħra, saret ġurnata Ewkaristika li għaliha attendew ħafna nies. Il-benefatturi ħadu sehem sħiħ fl-attivitajiet. Is-superjura tal-Qasam, M. Carmela Zammit, talbet ir-riżenja mill-kariga. Is-Superjura Ġenerali aċċettat ir-riżenja tagħha u minflokha bagħtet lil Hilda Borg li kienet ilha żmien twil tmexxi l-Qasam ta' Ħal Balzan. Dan kien fil-25 ta' Mejju 1990. Id-dar nru.84, li kienet tmiss mad-dar tal-Qasam, tbattlet u s-Soċjeta xtratha biex 'il quddiem tniffidha mal- Qasam għaliex kien hemm bżonn ta' aktar wisa'. Id-dar inxtrat fit-8 ta' Mejju 1991 u f'Ottubru ta' l-istess sena bdiet tiġi wżata għat-tagħlim ta' klassi tad-duttrina. Biex issir dar adattata għall-Qasam inħass il-bżonn li ż-żewgt idjar jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid. Ix-xogħol tat-twaqqigħ beda f'Lulju 1994 u fix-xahar ta' wara tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-pedament. Sadanittant, it-tagħlim tad-duttrina u l-Assenjatur kienu jsir fil-kappella ta' Santa Marija. Id-Dar kienet lesta minn kollox sena wara u f1-20 ta' Ottubru 1995 sar it-tberik tad-Dar b'quddiesa kkonċelebrata fil-post. Il-Vigarju Ġenerali, Mons. Annetto Depasquale, mexxa l-konċelebraz-zjoni. Fost attivitajiet oħra li saru f'dawk il-jiem, saret Sajda Museumina ta' erbat ijiem. Fil-preżent, għalkemm hemm Dar ġdida tal-Qasam, il-membri għadhom jużaw il-kappella ta' Santa Marija. L-Arċipriet preżenti, Dun Frans Abdilla, awtorizza bil-miktub lill-membri tal-Qasam biex jibqgħu jieħdu ħsieb il-kappella u l-offerti li jingħataw mill-pubbliku lil din il-kappella jistgħu jiġu wżati wkoll għall-bżonnijiet tal-Qasam. Dan jibqa' jsir sakemm l-ezigenzi ma jitolbux mod ieħor. Il-Qasam Qormi D, bil-għajnuna tas-Sinjur Alla, għadu attiv u mimli bit-tfal u għalkemm għad ma kienx hemm soċji godda minn dan il- Qasam, is-soċji qed jgħatu servizz utli lin-nies ta' dawk l-inħawi. Jalla jinbtu vokazzjonijiet ġodda minn dan il-Qasam biex fl-għalqa tal-Mulej ma jonqsux il-ħaddiema.