Safi Qasam Nru 30

Il-Qasam tas-Sezzjoni Femminili ta' Ħal Safi infetaħ mill-Fundatur fis-17 ta' Marzu 1936 fi żmien il-Kappillan Dun Franġisk Xuereb li kellu ħutu fil-Museum. L-ewwel lokal tal-Qasam kien il-kappella ta' Santa Marija. L-Assenjatur kien isir f'din il-kappella u t-tagħlim tad-duttrina kien isir fil-Knisja Parrokkjali. F'Awissu ta' l-istess sena 1936, inkriet id-dar numru 20, fi Triq Santa Marija u fiha fl-ewwel t'Ottubru beda jsir it-tagħlim tad-duttrina. L-ewwel superjura tal-Qasam kienet Carmela Xuereb minn Naxxar. Is-superjura Carmela kellha oħtha Nazzarena li wkoll kienet tattendi fil-Qasam ta' Ħal Safi bħala prefetta. L-ewwel ċerimonja tal-kandidati saret fl-14 ta' Frar 1937. Kienu 14-il kandidata li minnhom inkorporaw tleiet soċji f'Diċembru ta' l-istess sena. FL-10 ta' Marzu 1940 mietet l-ewwel soċja minn Ħal Safi, is-soċja Carmela Cachia. Fi żmien il-gwerra l-assenjatur beda jsir fil-dar tal-Kappillan. Il-Fundatur żar kemm-il darba l-Qasam f'kull post li fih kienu jiltaqgħu s-soċi. Kien ibierek il-ħelu u jgħid lis-soċi biex jagħtuh lit-tfal, 5 kull tifla, f'ġieħ il-pjagi ta' Kristu. L-ewwel darba li Dun Ġorġ żar il-Qasam kien fl-1936. Is-soċi u t-tfal iltaqgħu fid-dar ta' Grazzja Dalli, li wara daħlet soċja interna. Il-fundatur kien iħobb janima l-laqgħa b'xi ċajta. Mela, fil-bitħa kbira tad-dar, ġo rokna, kien hemm siġra kbira tal-lewż. Dun Ġorġ qal lit-tfal, "Kemm intom bravi! Issa nagħtikom premju." Ħares lejn is-siġra bi tbissima qalilhom, "Issa naqla dik is-siġra u ntellgħhielkom u min jitla' jeħodha d-dar miegħu. It-tfal Iċċassaw lejn Dun Ġorġ u mbagħad infaqgħu jidħqu. Imbagħad Dun Ġorġ berikhom. Fl-1946 is-Superjura Carmen Xuereb marret il-Mellieħa minflokha s-Superjura Ġenerali poġġiet lis-soċja Marija Busuttil. Is-superjura Marija damet tmexxi l-Qasam sal-1950. Warajha kien hemm is-Superjura Pawla Zammit, minn Ħal safi, li damet tmexxi l-Qasam sa Mejju 1989 u warajha laħqet Elizabeth D'Amato, miż-|urrieq. Is-superjura preżenti llum hija Carol Farrugia. Wara l-gwerra s-soċi reġgħu bdew jiltaqgħu fid-dar tal-Qasam sakemm sid il-post riedha lura u għalhekk is-soċI kellhom jużaw il-kappella ta' Santa Marija u wara fl-1947, l-iskola tal-Gvern. Fl-1947 il-Gvern żamm il-permess għall-użu ta' l-iskola u għalhekk is-soċji reġgħu marru fil-Kappella ta' Santa Marija. Fl-1977 il-kappilla, Dun Karm Lia, ta' b'kera lill-Qasam id-dar numru 13, Triq Santa Marija. F'din id-dar il-Qasam ħa ħajja ġdida u bdew isiru diversi ċerimonji ta' l-Aspiranti, Magħżulin u Preparatorji. Diversi soċji għenu f'dan il-Qasam. F'Diċembru 1993 inkorporat is-soċja Carol Farrugia li fil-fatt llum hija superjura ta' Ħal Safi. Kien ilu 37 sena ma tinkorpora soċja minn dan ir-raħal: din kienet għalhekk okkażjoni ta' ferħ kbir għall-Qasam u għas-Soċjeta. Nittamaw li l-Mulej ibierek il-Qasam ta' Ħal Safi b'aktar soċji fil-futur għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-bnedmin.