Qormi A (San Ġorġ) - Qasam Nru 7
Għall-ħabta ta' l-1914 Dun Ġorġ Preca, bil-permess tal-Kappillan Dun Vinċenz Azzopardi, kien spiss imur Ħal-Qormi jagħmel il-laqgħat għand Pawlina Cassar f'Nru 7, Triq San Bartilmew. Fl-24 ta' Ġunju 1914 il-Fundatur inkorpora xi soċji f'Ħal-Qormi stess u għażel lil Giovanna Farrugia bħala l-ewwel superjura: din wara daħlet reliġjuża. il-Fundatur fil-25 ta' Diċembru 1916 reġa nkorpora xi soċji oħra. L-ewwel dar ta' dan il-Qasam kienet f'nru 162, Triq Sta. Katerina. Fl-1930 ġarrew għal numru 185 fl-istess triq, il-post li llum jinsab bħala Qasam tas-Sezzjoni Maskili. Din id-dar kienet kbira ħafna u l-Fundatur ġie diversi drabi fiha biex jagħmel il-laqgħat lis-soċji u lill-barranin. Matul il-Gwerra Peress li l-Qasam matul iż-żmien tal-gwerra kien ittieħed mill-Gvern għar-refuġjati, is-soċji bdew jiltaqgħu għand is-superjura Ġużeppa Deguara. Fis-26 ta' Awissu 1940 mietet is-superjura u warajha bdiet tmexxi Giovanna Caruana li damet superjura sa l-1946. Il-Qasam tbattal għal 'mien qasir mir-refuġjati, imma malajr reġa' beda jiġi okkupat minnhom. Sadatant, minħabba li kien hemm soċji minn bnadi oħra, in-numru tas-soċji kien kbir sewwa. Kienu jiltaqgħu fid-dar tas-soċja Carmena Borg li 'l quddiem mexxiet il-Qasam bejn -1946 u 1959. It-tagħlim tad-duttrina kien isir fil-Knejjes tal-Vitorja ta' santa Katerina. Fis-27 ta' Frar 1941 il-mebri bdew jiltaqgħu f'żewġ kantini kbar li Pjazza San Franġisk u wara, fl-1945, fil-Kappella ta' Santa Katerina. Dan kien żmien diffiċi għall-membri u kienu diversi li ħallew is-Soċjeta. L-uniċi soċji li baqgħu kienu Vitor Falzon, Marietta Cordina u Carmena Borg u nistgħu ngħidu li huma kienu l-ħmira għall-vokazzjonijiet futuri u biex setgħet tkompli s-sezzjoni f'dik il-parroċċa. Fil-kappella ta' Santa Marija tal-Blat, it-tagħlim tad-duttrina kien isir minn Maria Carmela Zammit. Din ingħaqdet mas-Soċjeta, u 'l quddiem mexxiet il-Qasam għal tmintax-il sena sħaħ (1960-1978). Fis-16 ta' Lulju 1946 din il-fergħa ingħaqdet mas-Soċjeta'. Fis-7 ta' Ottubru 1954 il-Qasam ta' San Bastjan ingħaqad ma' dak ta' San Ġorġ billi mardet is-superjura u fil-Qasam ta' San Bastjan kien fadal biss tliet soċji. Imma wara li n-numru kiber, l-Oqsma reġgħu armaw għal rashom fit-28 ta' Ġunju 1959. Post Ġdid Wara għoxrin sena bla dar, fil-31 ta' Ġunju 1960, il-Qasam akkwista l-post nru.4, Sqaq 1 Triq Santa Katerina. Fit-18 ta' Mejju 1965 kellhom Iħallu l-post u l-Kurja tathom il-lokal f'nru.16 Triq Santa Katerina. Din id-dar kienet żgħira ħafna. Il-providenza riedet li l-post ta' wara din id-dar kien għall-bejgħ. Bil-ġenerożita' ta' diversi soċji, is-Soċjeta akkwistat din id-dar u ż-żewġ postijiet tniffdu ma' xulxin. Dan kien fil-31 ta' Marzu 1985. Flok id-dar Iż-żgħira nbniet sala li ġiet inawgurata fl-1988. Illum dan il-Qasam hu post attrezzat tajjeb biex jilqa lit-tfal u liż-żgħażagħ. Dan seħħ bil-ħidma u l-għajnuna ta' ħafna benedatturi u soċji. Meta f'Settembru 1978 is-superjura Maria Carmela Zammit intalbet biex tmexxi t-tieni Qasam f'din il-parroċċa, fit-23 ta' Settembru 1978 intgħażlet is-soċja Polly Camilleri mill-istess Qasam bħala Superjura. Illum bħala superjura preżenti nsibu lil ____________________. Matul dawn is-snin, iċ-ċerimonji saru fuq bażi regolari. Preżentament hemm numru sabiħ ta' soċji żgħażagħ u fil-Qasam jinħass sewwa l-element żagħżugħ. Nistgħu ngħidu li hu Qasam fertili ħafna għax minnu ħarġu tliet Oqsma oħra, kif ukoll numru sabiħ ta' soċji li llum qed jgħinu f'diversi Oqsma barra raħal, fosthom is-soċja Georgina Camilleri li qed tagħti s-sehem tagħha fil-Qasam ta' Melbourne. Kien ukoll mixtla ta' diversi vokazzjonijiet reliġjużi, tlieta klawstrali. Dan kollu hu frott ta' ħajja tassew dedikata ta' diversi superjuri u membri. J'Alla din il-ħidma tkompli għall-ikbar glorja ta' Alla.