Qrendi Qasam Nru 36 –
Dun Enriku Mahony, talab lis-Superjura Ġenerali, Ġannina Cutajar, biex issir Sajda Museumina fil-Qrendi. Is-Superjura Ġenerali laqgħet it-talba tal- kappillan u s-Sajda bdiet fis-27 ta' Frar 1950. Il-laqgħat saru fil-kappella tas-Salvatur, fil-kappella ta' Sant'Anna u fil-kunvent tas-sorijiet Franġiskani. Is-sorijiet Franġiskani taw għajnuna kemm setgħu fis-Sajda. Mit-13 ta' Marzu tal-istess sena bdew isiru laqgħat ta' kuljum għat-tfal żgħar u wkoll għat-tfajliet. Kienu jiltaqgħu fil-kamra tal-kampnar tal-knisja. Il-laqgħat kienu jitmexxew minn diversi membri tas-Soċjeta u wara bdew isiru mill- membru tal-KBO, Carmela Camilleri, li aktar tard kienet ingħatat il-kariga ta' superjura tal-Qasam. Bil-mod il-mod bdew jiffurmaw ruħhom il-klassijiet tal-Preparatorja, Magħżulin taħt il-kura tar-Reġġenti Anna Sciberras, u l- Kandidati taħt il-kura tas-superjura Carmela. Bdew ukoll isiru laqgħat tal-barranin. Dawn il-laqgħat damu jsiru darba kull ħmistax sa l-1958 u wara bdew isiru darba fix-xahar. Fit-30 ta' Lulju 1950 saru l-ewwel ċerimonji ta' 5 Kandidati u 9 Magħżulin, fil-kappella tas-sorijiet Franġiskani. Dak inhar kienu mistiedna l-membri tal-Figlie di Maria u wkoll il-parruċċani. L-ewwel 3 soċi li nkorporaw kienu Pawla Pace, Carmela Farrugia u Iris Axiaq, f'Dicembru 1952. Iris daħlet mas-Soċi Nterni f'Awissu 1954. FI-1953 inkorporaw żewg soċi oħra, Marija Pace u Ġużeppa Bugeja. Maż-zmien, iżda, l-erba' soċji mill-Qrendi li kien fadal, jew ħallew is-Soċjeta jew marru sorijiet. Intgħatu soċji minn Oqsma oħra biex jgħinu iżda ġie żmien meta dawn is-soċji waħda waħda bdew jissejħu lura. Tfal fil-klassijiet tal-Praċett u tal-Ġriżma ftit kien hemm għaliex it-tħejjija tat-tfal għas-Sagramenti kienet u għadha sal-lum f’idejn is-sorijiet Franġiskani. Fl-aħħar ukoll is-superjura u l-aħħar soċja li kien fadal issejħu lura fl-oqsma oriġinali tagħhom. Minkejja kollox, il-Qasam ma ngħalaq qatt. It-tagħlim tad-duttrina baqa’ dejjem isir. Iżda l-Qasam kellu bżonn jieħu r-ruħ. Fit-3 ta’ Lulju 1967 reġgħet saret Sajda Musewmina u għaliha kien hemm konkorrenza kbira ta’ nies. Imbagħad tpoġġiet bħala superjura is-soċja Ġovanna Falzon miż-Żurrieq u żewġ soċji oħra Ġuża Tonna u Elizabeth D’Amato, ukoll miż-Żurrieq. Wara, mill-istess qasam taż-Żurrieq intbagħtet is-soċja Ġuża Farrugia Reġgħu bdew isiru ċ-ċerimonji tal-Preparatorji u tal-Magnzulin. Wara s-Sajda bdiet tattendi Tessie Galea li kellha eta biżżejjed biex tiġi ppreparata biex issir soċja, kif fil-fatt ġara ftit taż-żmien wara. Tessie Galea tħalliet fil-Qasam bħala superjura biex tieħu ħsieb it-tfal li jattendu. Kultant żmien kienet u għadha tingħata għajnuna fit-tagħlim tad-duttrina minn soċji minn Oqsma oħra iżda għamlet żmien twil tieħu ħsieb il-Qasam waħidha. Is-Soċjeta hija grata ħafna lejn is-superjura Tessie tal-kontribuzzjoni siewja tagħha biex il-Qasam baqa’ miftuħ minkejja d-diffikultajiet kollha li nqalgħu. Il-Qasam baqa’ nieqes mill-vokazzjonijiet. Fil-fatt l-aħħar inkorporazzjoni kienet dik tas-superjura Tessie, 36 sena ilu. Is-superjura preżenti llum hija __________________________________. It-toroq tal-Mulej ma nifmuhomx aħna l-bnedmin. Għalkemm il-Qasam tal-Qrendi ma deherx li ta’ wisq vokazzjonijiet nemmnu li s-Sinjur Alla għamel ħadem ħafna permezz tas-soċji li ħadmu u li għadhom jaħdmu f’dan il-Qasam.