Senglea - Qasam Nru. 9

– Il-Qasam ta’ l-Isla (skond informazzjoni li nsibu fl-Ewwel Volum tal-Ħajja ta’ Dun Ġorġ Preca, miktuba minn Patri Alessandu Bonniċi, OFM, Conv) infetaħ fis-7 ta’ Awissu 1914. Dan ġara meta Dun Ġużepp Adami kien Arċipriet ta’ dik il-belt. L-ewwel dar li nkriet għad-duttrina kienet fi Triq il-Kurċifiss. Dun Ġorġ kien jattendi spiss f’dan il-Qasam. Is-soċja Marija Vella li kienet ukoll għalliema fl-iskola tal-Gvern, kienet l-ewwel superjura ta’ dan il-Qasam. Meta minħabba raġunijiet ta’ saħħa din ma setgħetx tkompli bħala Superjura, ġiet maħtura Ġużeppa Formosa bħala superjura proviżorja, li dak iż-żmien kienu numerużi u kollha kienu jħabirku għat-tagħlim tad-duttrina. F’dan iż-żmien saret elezzjoni għal-ħatra ta’ superjura u ġiet magħżula Elvira Ellul. Billi Elvira kienet ukoll Primarja din ma ġietx approvata mis-Superjura Ġenerali Ġannina Cutajar għażlet lis-soċja Mary Ellul bħala superjura tal-Qasam Senglea. Matul it-tieni gwerra dinjija ħafna soċji ta’ dan il-Qasam kellhom jitilqu minn hemm jmorru fi bliet u rħula oħra. Dan kien providenzjali għax b’rieħet hekk, Marija Caruana f’dan iż-żmien fetħet il-Qasam tas-Siġġiewi. Wara l-gwerra Ċettina Azzopardi, l-aħwa Peria u Assunta Attard, flimkien ma Karmena Caruana ġew lura l-Isla. Din ta’ l-aħħar inħatret bħala superjura proviżorja. Billi l-Qasam – li issa kien fi Triq San Ġużepp – iġġarraf, inkriet dar oħra fi Triq il-Vitorja. Din id-dar li filgħodu kienet isservi bħala skola u filgħaxija bħala dar tad-duttrina, ma tantx kienet fi stat tajjeb minħabba l-bumbardamenti li kienu saru fuq l-Isla. Ma nisewx ħdejn l-Isla hemm it-tarzna. B’danakollu t-tagħlim tad-duttrina baqa’ jsir anke fi żmien il-gwerra, tista’ tgħid relogament. Wara l-gwerra, erba’ soċji li kienu ħarġu mill-Isla reġgħu lura u Marija Ellul reġgħet ħadet l-uffiċċju tagħha bħala superjura tal-Qasam, li wara l-gwerra kien f’numru 62, Triq Sant’ Anġlu. Fl-1949 is-superjura Marija Ellul ġiet mibgħuta bħala superjura tal-Qasam tal-Birgu u għalhekk is-superjura Marija Caruana ġiet maħtura superjura tal-Qasam Senglea, li kien fid-dar nru. 234, Triq iż-Żewġ Mini. Il-benefattur Karmenu Baldacchino indaħal biex minn flusu jibni s-sular ta’ fuq. Meta fl-1985 is-superjura Marija Caruana irriżenjat, is-Superjura Ġenerali bagħtet lis-soċja Mary Ann Briffa mill-Qasam tal-Gżira bħala superjura tal-Qasam. Illum is-superjura preżenti hija ___________________________. F’Awissu ta’ din is-sena (1994) saru diversi attivitajiet biex ifakkru t-80 anniversarju mill-ftuħ ta’ dan il-Qasam, fosthom Quddies konċelebrata ta’ radd il-ħajr fil-Bażilika ta’ Marija Bambina u laqgħa speċjali għall-membri tal-Qasam u dawk ta’ l-Oqsma tal-viċin. Bħalma dan il-Qasam rnexxilu jegħleb id-diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom fi żmien il-ġwerra, hekk bil-għajnuna ta’ Alla u ta’ Marija Bambina, jirnexxilu jirbaħ it-tfixkil qalil ta’ żminijietna.