Fgura Qasam 39
– Il-Qasam tal-Fgura infetaħ bħala fergħa tal-Qasam ta’ Raħal Ġdid. Dan sar fil-25 ta’ Marzu 1949, bit-tħabrik tas-saċerdot Dun Ġużepp Zerafa. L-ewwel membru li ħadu ħsieb il-Fergħa kienu r-Reġġenti Anna Sciberras u soċji interni Maria Mifsud u katarin Zammit. Bejn is-snin 1949 u 1966 kienu jmorru jgħallmu diversi soċji interni u esterni. Il-popolazzjoni tal-Fgura bdiet tikber u għalhekk, f’Diċembru 1945, intbagħtu l-Patrijiet Karmelitani biex jaqdu l-bżonnijiet spiritwali tal-poplu. It-tagħlim tad-duttrina kien isir fil-Knisja l-qadima li ma kienetx qed tintuża minħabba li kienet inbniet knisja ġdida fi triq White Friars. F’dan iż-żmien, il-fergħa tal-Fgura kienet qed titmexxa mis-soċja Polly Galea. F’Lulju 1955, il-knisja l-qadima ġiet imwaqqa’ biex titwessa’ t-triq u għal ftit taż-żmien it-tagħlim tad-duttrina waqaf. F’April 1956 is-soċji reġgħu bdew jgħallmu, did-darba f’żewġt ikmamar mill-kalkara tal-ġir fi Triq il-Karmelu. Dawn il-kmamar xi żmien qabel kienu jużawhom is-soċji irġiel. Imbagħad, f’Diċembru 1963, fi Triq White Friars, infetħet fergħa oħra. Fl-Għid tas-sena 1965, il-knsija tal-Fgura sarep parroċċa u Rev. Patri Timotju Theuma kien l-ewwel kappillan tal-parroċċa l-ġdida. F’Marzu 1966, id-dar ta’ Triq White Friars ġiet dikjarata mis-Superjura Ġenerali Elvira Ellul bħala l-Qasam nru 39. Is-soċja Polly Gales minn Raħal Ġdid, li kienet ilha tattendi l-Fgura mis=sena 1949, ingħatat il-kariga ta’ superjura. F’Diċembru 1967, il-post ta’ Triq il-Karmelu ngħalaq biex issirlu manutenzjoni u hekk it-tfal kollha nġabru fid-dar ta’ Triq White Friars. F’Marzu 1968, fuq talba tal-Kappillan Patri Timotju il-Qasam beda jiġbor fih ukoll lit-tfal subien għall-Praċett u l-Griżma. Dawn kienu t-tfal ta’ madwar il-parti t’isfel tal-parroċċa li ma setgħux jibqgħu jgħallmuhom is-soċji tas-sezzjoni Maskili minħabba li kienu bdewlhom ix-xifts fit-tarzna. F’Marzu 1971m is-soċji irġiel ġew issensjati mid-dar li kellhom u għalhekk reġgħu ħadu l-kmamar ta’ Triq il-Karmelu li iżda ma setgħux jilqgħu lis-subien kollha ta’ dawk in-naħiet. Hekk żdiedu t-tfal subien fil-Qasam tal-bniet. Iżda dan baqa’ jsir biss sa l-1973. Is-superjura Polly bdiet tikber seqqa fl-eta u fl-1972 irriżenjar mill-kariga tagħha. Minflokha tpoġġiet Katerina Zammit, Soċja Nterna. It-tfal baqgħu dejjem jiżdiedu u għalhekk infetaħ Qasam ieħor fi Triq Liedna, bl-isem ta' Qasam Fgura B, f'dar, 1 mogħtija lis-Soċjeta, u fiha kienu jattendu tfal mill-Fgura u minn Raħal Ġdid. Inez Frendo kienet tmexxi l-Qasam il-ġdid. Ftit taż-żmien wara, iżda, il-Qasam il-ġdid spiċċa biex sar fergħa tal-Qasam ta' Raħal Ġdid. Imbagħad il-kappillan ta’ lis-soċi xi kmamar taħt il-knisja u li damu jużawhom sa Settembru 1990 meta nxtrat id- dar fi triq il-Kampanella. It-tberik tad-Dar il-ġdida sar f'Jannar 1991, mill-Kappillan Patri Gwido Micallef. Saru diversi attivitajiet f'din l-okkazjoni fosthom Quddiesa fejn inkixfet pittura bl-immagni tal- Fundatur li kienet irregalata mill-pittur Charles Agius. F' April 1991, is-superjura Katerina irriżenjat u s-soċja Tereza Brincat miż-Żejtun, ħadet postha. Imbagħad, f'Awissu 1993, it-tmexxija tal-Qasam ingħatat f'idejn is-soċja Antonia Camilleri minn Ħal Qormi. Il-Qasam tal-Fgura hu mimli bit-tfal u bl-attivita. F'Settembru 1996, saret l-ewwel ċerimonja tal-Kandidati lil żewġ tfajliet mill-Fgura. Nittamaw fil-Mulej li jsaħħaħ il-vokazzjoni tagħhom u jxettel vokazzjonijiet oħra għaliex il-ħsad huwa kbir.