B'Kara A - Qasam Nru 8

Dun Ġorġ fetaħ dan il-Qasam fis-27 ta' Mejju 1914. L-ewwel tliet soċji kienu Karmena Attard u Giulia Laferla, it-tnejn minn B'Kara u Assunta Schembri soċja mill-Ħamrun li kienet mibgħuta minn Dun Ġorġ innifsu biex tgħin fil-Qasam. L-ewwel dar li ltaqgħu fiha kienet nru. 3 Triq Brared. Wara xi żmien saret l-ewwel superjura tal-Qasam is-soċja Karmena Attard. Diversi Djar Il-Qasam biddel il-lokal diversi drabi. Fil-bidu tas-snin għoxrin kien f'nru 143 Triq St Rokku. F'nofs is-snin għoxrin bdew jiltaqgħu fi Triq San Ġużepp. F'dan il-post bdew jitgħallmu d-duttrina s-soċji Ġużeppa Borg u Marija Pace. Fis-sena 1927 kienu jgħallmu wkoll fi Triq Dyers. Dan il-lokal beda jintuża bħala Qasam u fih kienu jattendu diversi soċji. It-tagħlim tad-duttrina sadattant baqa' jsir f'diversi kmamar oħra mxerdin ma' B'Kara. Minħabba f'hekk ħafna mis-soċji kienu jagħtu is-servizz tagħhom lill-ulied il-poplu b'sagrifiċċju kbir. Qrib is-sena 1937 il-Qasam ittrasferewh għall-post fejn hu llum, jiġifieri nru. 81, Triq Brared. Dan il-post ingħata mill-benefattur Ġużeppi Galea, li minn jeddu u bi flusu ried jibni lokal bħala Qasam. Bħala superjura partikulari ta' dan il-Qasam inħatret Giulia Laferla li damet tmexxi sa l-1943. Matul il-gwerra, B'Kara ġew ħafna refuġjati u fosthom kien hemm ukoll xi soċji. Għalhekk in-numru tagħhom żdied sewwa. Qabel ma bdew jitqassmu f'Oqsma oħra, kien hemm madwar tmenin soċja. Fosthom kien hemm ukoll l-ex Superjura Ġenerali Elvira Ellul li dak iż-żmien kienet Primarja. Fi żmien il-gwerra il-Qasam beda jintuża għar-refuġjati, għan-nurses u għat-tobba, peress li l-iskola tal-Gvern kienet użata bħala sptar. Minħabba f'hekk l-Assenjatur beda jsir fi djar privati. F'dan iż-żmien Elena Grech intagħżlet superjura partikulari u damet sal-1972. Kien hemm żmien meta l-lokal intuża mill-missjunarji waqt il-Missjoni ż-Żgħira. Aktar tard partijiet minnu kienu jintużaw bħala skola. Bejn l-1972 u l-1984 mexxiet il-Qasam is-soċja Dolores Zammit li għamlet żmien anke fil-KBO. F'dak iż-żmien beda jintuża biss għat-tagħlim tad-duttrina u għall-Assenjatur. Għajnuna lill-Oqsma Mal-medda taż-żmien, in-numru tas-soċji beda jiżdied, tant li setgħu jservu ta' għajnuna għal diversi Oqsma. Infatti ħafna Oqsma ġodda beda jiffunzjonaw permezz ta' soċji minn dan il-Qasam, fosthom il-Mellieħa, in-Naxxar, Ħ'Attard, Ħal Balzan u Ħal Lija. Is-soċja Marija Grech emigrat lejn Sydney fl-Awstralja fejn fetħet Qasam. Iż-żmien beda juri li kibret il-ħtieġa li s-Soċjeta' jkollha djar oħra fir-raħal. Għalhekk diversi soċji minn dan il-Qasam kellhom Iħallu l-benniena tagħhom biex jiftħu żewġ Oqsma oħra, wieħed qrib il-Kappella ta' Vitoja u l-ieħor fi Triq Wejter. Għalhekk in-numru ta' soċji f'dan il-Qasam naqas sew. Għal raġunijiet ta' saħħa, Dolores Zammit ħħalliet il-kariga ta' superjura. Flokha ntagħżlet Carmen Zammit mill-Qasam Qormi D. Is-superjura preżenti llum hija ______________________. F'għeluq it-tmenin sena mit-twaqqif tal-Qasam saru diversi attivitajiet fosthom ċerimonji, ġimgħa ta' laqgħat tat-tfal, għal-ġenituri u għas-soċji kollha ta' B'Kara. Bħala konkluzjoni l-Arċipriet Dun Anton Vella qaddes Quddiesa ta' radd il-ħajr fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħerba. Minn dan il-Qasam ħarġu diversi soċji missjunarji u numru ta' superjura tal-KBO. Nittamaw fl-għajnuna ta' Alla li dan il-Qasam bħal fl-imgħoddi ikun mixtla ta' vokazzjonijiet.