Lija Qasam Nru 37

– Fl-antik jidher li kien hemm Qasam f’Ħal Lija iżda dan għal xi raġuni jew oħra ngħalaq. Kienhemm żewġ soċji minn Ħal Lija, Vinċenza Sammut u M’Anna Azzopardi. Dawn iż-żewġ soċji kienu jattendu għall-Assenjatur fl-irħula fil-qrib. Aktar tard, matul is-snin, il-Kappillan Dun Karm Lia talab lil Dun Ġorġ u lis-Superjura Ġenerali Ġovanna Cutajar biex jinfeaħ Qasam f’Ħal Lija, u għalhekk is-Superjura bagħtet lil M’Dolores Agius bħala superjura u żewġ soċji oħra, Ġuża Galea u Dolores Zammit kollha minn Birkirkara. Magħhom ingħaqdu ż-żewġ soċji minn Ħal Lija. Hekk, il-Qasam infetaħ fl-14 ta’ Ġunju 1954. It-tagħlim tat-tfal kien isir fil-knisja l-qadima tas-Salvatur. L-Assenjatur kien isir, għall-ewwel fil-Knisja ċkejkna ta’ Santa Marija u wara fil-Knisja tas-Salvatur. Sena wara, kien hemm kappillan ġdid, Dun Innoċenz Borg. Bit-tħabrik ta’ dan il-kappillan is-soċji akkwistaw id-dar nru 62, Triq il-Forn. Damu jużaw din id-dar 12-il sena sakemm, fit-8 t’April 1967, marru f’dar oħra ftit akbar bin-numru 28 Triq il-Forn. Kien f’din id-dar li bdew isiru l-laqgħat għan-nisa. Sal-ġurnata tal-lum il-Qasam għadu f’din l-istess dar. Il-post ma kienx inxtara kollu iżda s-sehem li kien fadal inxtara kollu iżda s-sehem li kien fadal inxtara fit-12 ta’ Frar 1971 u fl-1973 inxtara wkoll iċ-ċens. Fl-1979 kellu jsir xogħol biex il-kappella tiġi mkabbra għaliex kienet żgħira wisq. Dan l-aħħar sar ukoll xogħol estensiv ta’ manutenzjoni. Benefatturi ewlenin ta’ dan il-qasam kienu s-Sur John Francia u Dun Ġużepp Fenech. Sakemm laħqu aktar soċji minn Ħal Lija baqgħu jitilgħu aktar soċji minn Birkirkara biex jgħinu fit-tagħlim. Sal-1960 il-Qasam stabilixxa ruħhu bil-klassi tal-Kandidati u tal-Magħżulin. L-ewwel ċerimonja tal-Kandidati saret f’Jannar 1959 u tal-Magħżulin f’Ġunju 1960. Hekk is-soċji mir-raħal bdew jiżdiedu. Fil-preżent, żewġ soċji minn dan il-qasam qegħdin iservu bħala superjuri f’Oqsma oħra. Fl-1979 wara 24 sena ħidma is-superjura M’Dolores Aqius ingħatat inkarigu ieħor f’Birkirkara u sosoċja Carmen Apapa minn Ħal Lija stess, ġiet eletta superjura tal-Qasam. Is-superjura Carmen damet tmexxi l-Qasam sa Settembru 1994 meta ġiet mitluba tagħti servizz fil-Qasam B ta’ Birkirkara u soċja Esther Farrugia minn Ħal Balzan ġiet inkarigata bit-tmexxija tal-Qasam ta’ Ħal Lija. Illum fil-Qasam ta’ Ħal Lija hemm ħames soċji u jattendu madwar mitt tifla. Il-Qasam huwa wieħed attiv. Fost attivitajiet oħra, qed isiru laqgħat spissi għall-ommijiet. J’alla kull persuna li tmiss ma’ san il-Qasam tissaħħaħ fl-imħabba tagħha lejn Alla u lejn il-proxxmu.