Mqabba Qasam Nru 19

Il-Qasam ta' l-Mqabba nfetaħ f'Mejju 1932 fi żmien il-Kappillan Dun Lawrenz Spiteri. Dak Iż-żmien, Mimi Testa soċja minn Raħal Ġdid, kienet tmur l-Imqabba biex tieħu ħsieb it-tagħlim tad-duttrina. Fil-bidu il-lokal tal-Qasam fil-Pjazza tal-Knsija u aktar tard kien fi Triq San Basilju. Illum il-Qasam jinsab fi Triq San Basilju wkoll iżda mhux fl-istess dar li kien fiha qabel. Id-dar tal-Qasam ta' issa kienet il-Qasam tas-Sezzjoni Maskili u meta dawn knew lokal ġdid għalihom il-post ingħata b'kera mis-soċji nisa. F'Ġunju 1939, il-Qasam kien ikkonsagrat lill-Qalb ta' Ġesu u ta' Marija. Fl-1988 il-Qasam ġie rranġat waħda sewwa, bl-għajnuna ta' ħafna benefatturi. L-ewwel ċerimonja ta' 12-il kandidata saret f'Ottubru 1932 u f'Ġunju ta' sena wara disa' minnhom u Kandidata oħra inkorporaw soċji fis-Soċjeta. L-ewwel superjura tal-post kienet Tereża Ghigo waħda mill-ewwel soċji li inkorporaw mir-raħal. Warajha bħala superjuri kien hemm Karmena Abdilla, Marija Ciantar - li damet ħafna snin sa kemm mietet fl-1990 u Nikolina Farrugia li kienet intbagħtet mill-Qasam tas-Siġġiewi. Maż-żmien beda jinħass il-bżonn ta' l-għajnuna ta' soċji minn barra mir-raħal u l-ewwel soċja li ntbagħtet biex tgħin kienet Marija Sciberras minn Raħal Ġdid. Wara diversi soċji minn inħawi oħra marru jgħinu fil-Qasam ta' l-Imqabba. Nitolbu lill-Mulej biex fil-Qasam ta' l-Imqabba jixxettlu vokazzjonijiet ġodda biex jerġa' jimtela b'soċji mil-lokal kif kien fl-imgħoddi.