Żurrieq Qasam Nru 16
Il-Qasam taż-Żurrieq kellu l-bidu tiegħu sewwa sew fil-25 ta' Diċembru 1927 b'laqgħa mill-Fundatur fid-dar ta' l-Arċipriet tar-raħal, Dun Ġwann Battista Ghigo. L-ewwel laqgħat tal-membri kienu jsiru fid-dar ta' l-Arċipriet Iżda billi raw li ma setgħux jibqgħu jiltaqgħu hemm, krew dar żgħira b'bitħa kbira fi Triq il-Karmelu. Hemm bdew jiltaqgħu regolarment, jgħallmu lit-tfal u jagħmlu wkoll l-Assenjatur flimkien. Għalhekk il-ftuħ uffiċjali tal-Qasam sar fit-12 ta' Jannar 1928. L-Arċipriet kien imur jagħmlilhom il-lezzjonijiet tad-Dommatika u tal-Morali bħala għajnuna. Elvira Ellul, li 'l quddiem laħqet it-tieni Superjura Ġenerali tas-Soċjeta', kienet l-ewwel Superjura Delegata tal-Qasam taż-Żurrieq, Iżda wara li f'Ġunju 1929 ġew inkorporati l-ewwel 21 soċja mill-istess raħal, ġiet magħżula waħda minnhom is-soċja Nikolina Ghido biex tkun superjura tal-Qasam. Fl-1930 is-superjura Ghigo intbagħtet bħala superjura tal-Qasam tal-Furjana u l-kariga ta' superjura taż-Żurrieq ingħatat lis-soċja Francesca Saliba li damet tmexxi l-Qasam sa l-1933, meta marret toqgħod l-Imqabba. Imbagħad is-Superjura Ġenerali afdat it-tmexxija tal-Qasam f'idejn is-soċja Concetta Grixti u din baqgħet tamministra d-doveri tagħha taż superjura sa l-1974. Il-lokal tal-Qasam inbidel darbtejn sa l-1936 Iżda baqa' fl-istess triq. Waslet il-gwerra u l-Qasam kellu jieqaf jiffunzjonia għal tliet xhur minħabba li l-post kien qed jintuża mir-refuġjati. Fi Frar 1941 infetħet fergħa ġdida tad-duttrina fi Triq San Luqa, nru 42, Iżda minħabba l-gwerra wara ftit taż-żmien din il-fergħa kellha tingħalaq. Il-lokal tal-Qasam fi Triq il-Karmelu nru. 134, fejn għadu sa llum ġarrab ħsarat kbar mill-balal ta' l-għadu u għal żmien ma setax jiġi wżat iżda billi kien għad fadal xi kmamar fuq quddiem li ma ġġarrfux is-soċji reġgħu bdew jiltaqgħu fih għall-Assenjatur. L-ewwel grupp ta' tfal - 31 tifla tressaq għall-ewwel tqarbina fit-13 ta' Lulju 1945. Fis-7 ta' Marzu 1947 il-Qasam kellu żjara mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mikiel Gonzi, Arċisqof ta' Malta. Dak inhar l-Arċisqof ta' l-permess lis-soċji li jagħmlu l-Qagħdat tal-barranin fil-Qasam. F'Diċembru 1960 sar għall-ewwel darba irtir għax-xebbiet fil-Qasam. Il-post tal-Qasam kien ġiet restawrat wara l-ħsarat li ġarrab fil-gwerra. Din id-dar kienet propjeta' tas-superjura ta' l-istess Qasam, Ċetta Grixti u hi baqgħet tgħix f'parti mill-istess dar. Meta mietet, fl-1985, is-superjura Ċetta ħalliet id-dar tagħha lis-Soċjeta. Mill-1974m meta is-superjura Ċetta mabaqgħetx aktar tmexxi l-Qasam, sa llum kien hemm dawn is-superjuri: Marija Grazzja Zammit, Marija Mallia, Rose Felice, Nikolina Farrugia u s-superjura preżenti Josette Aquilina. Għeluq is-sittin sena mill-ftuħ tal-Qasam taż-Żurrieq tfakkar fis-sena 1988. Fost l-attivitajiet li saru kien hemm Sajda Museumina u Quddiesa konċelebrata. Illum il-Qasam taż-Żurrieq jinsab fi Triq Bronja. J'Alla l-preżenza attiva tas-Soċjeta fiż-Żurrieq tkun dejjem aktar ta' għajnuna għall-qawmien spiritwali tal-poplu.