Fleur de-Lys Qasam Nru 26B
It-tagħlim tad-duttrina mis-sezzjoni femminili tas-Soċjeta fil-Fleur-de-Lys kien isir ħafna qabel ma nfetaħ il-Qasam uffiċjalment. Fil-fatt sa minn awissu tas-sena 1936, kienu jmorru xi soċji minn Santa Venera biex jgħallmu d-duttrina fil-Knisja. Dan isir bil-permess tal-Prijur Patri Alfons Zammit O.C. Lieni Zammit, membru KBO minn Birkirkara kienet tissorvelja l-klassijiet tad-duttrina. It-tagħlim tad-duttrina kien isir f'diversi postijiet. Fl-1940 il-post li kien qiegħed jiġu użat mis-soċji ittieħed mill-gvern u d-duttrina bdiet issir fid-dar tas-sinjura Soler. Fl-1946 is-soċji sabu ruħhom bla dar fejn jgħallmu imma fl-1949 bdew jużaw il-kappella l-ġdida u fl-istess sena beda jintuża l-mezzanin fi Triq Borg. Fil-mezzanin kienet toqgħod mara xiħa li kienet marret tgħix fid-dar tal-anzjani, San Vincenz de Paule. Din il-mara xtaqet tħalli l-ftit għamara li kellha għall-Museum. Il-kappillan Patri Wistin Caruana, irranġa mas-sif biex il-post jeħduh is-soċji bil-kera u l-ewwel pagament ħallsu hu. Sadanittant il-Fleur-de-Lys kien għadu jagħmel ma' Santa Venera bħala parroċċa. Is-soċji li kienu jgħallmu l-Fleur-de-lys kienu jmorru fil-Qasam ta' Santa Venera għall-Assenjatur wara t-tagħlim tad-duttrina. Wara Lieni Zammit mexxew il-fergħa ta' Fleur-de-Lys is-superjura Nazzarena Camilleri sal-1968, Nina Gatt sal-1976 u Dolores Farrugia li kienet l-Ekonoma Ġenerali. Il-Fleur-de-Lys sar parroċċa fl-1975 u l-fergħa tal-Museum saret Qasam u nfirdet mill-Qasam ta' Santa Venera f'Jannar tal-1979. L-ewwel superjura tal-Qasam il-ħdid kienet Dolores Agius li qabel ma kienet superjura tal-Qasam ta' Ħal Lija. Is-superjura Dolor damet tmexxi l-Qasam sal-31 ta' Diċembru 1985 u mill-għada 1 ta' Jannar 1986, it-tmexxija ingħatat f'idejn Anna Briffa soċja mill-istess lokal li kienet ilha diġa tliet snin tattendi l-qasam. Is-superjura preżenti llum hija Marija Mifsud. Fit2 ta' Ġunju 1988 is-Soċjeta xtrat id-dar numru 201, Triq Fleur-de-Lys, Birkirkara u din id-dar saret il-lokal tal-Qasam. Saru diversi laqgħat u ċelebrazzjonijet għall-okkazjoni tal-inawgurazzjoni tad-dar il-ġdida. Matul is-snin saru diversi ċerimonji iżda fit-13 ta' Diċembru 1992 saret l-ewwel ċerimonja ta' Kandidata. Din il-Kandidata Marika Agius inkorporat soċja fid-29 ta' Ġunju 1994. Il-Qasam ta' Fleur-de-Lys ilu żmien twil, sa minn qabel ma sar Qasam jagħti servizz lill-poplu ta' dawk l-inħawi. Jalla dan il-Qasam jibqa' jikber u jissaħħaħ biex ikompli jservi ta' forġa fejn jinqered id-dnub kif ikun iħobb jgħid il-Fundatur.