Bormla
Ftuħ tal-Qasam
Dan il-Qasam infetaħ aktarx fis-sena 1911 mill-Ewwel Superjura Ġenerali Ġannina Cutajar li kienet tmur Bormla darbtejn fil-ġimgħa. L-ewwel tfajliet li daħlu fil-Museum kienu Konċetta Borg u Giovanna Attard. Konċetta Borg baqgħet fis-soċjeta sakemm mietet f'eta avanzata waqt li Giovanna kienet daħlet reliġjuża.
Meta Dun Ġorġ ra lil Konċetta u sar jaf li kienet in-neputija tas-soċju Ġiġi Vidal, ried li hi tkun superjura. Dan l-uffiċċju hi żammitu sa l-1920 għaliex wara ħassitha ma tiflaħx u wkoll għax marru joqogħdu l-Isla.
L-ewwel Ċerimonja tal-Magħżulin saret fis-sena 1921. Kienu ntgħażlu tnax u kienu lebsin l-abjad. Il-Fundatur mexxa din iċ-ċerimonja u wara kull waħda tellgħet polza b'isem ta' appostlu biex tieħdu protettur tagħha.
F'dak iż-żmien minflok bankijiet kienu jużaw ġebel. Il-Qasam kien fi Triq San Mark, għax kienu ħarġu mill-ewwel lokal. Sa daż-żmien is-soċji bdew jiżdiedu sewwa.
Jiġġarraf il-Qasam
Il-Qasam li kien hemm fi Triq il-Kunċizzjoni ġġarraf bil-ħoidma ta' l-għadu u xi soċji li kienu refuġjati ż-Żejtun kienu jinżlu ta' spiss biex jaraw jistgħux isalvaw xi ħaġa. Fost l-affarijiet li salvaw għadhom jeżistu l-Kurċifiss u l-bandalora.
Wara l-gwera l-Qasam infetaħ fi Triq Nelson. Is-superjura kienet Giovanna Caruana. L-ewwel Ċerimonja ta' wara l-gwerra kienet tal-Magħżulin li saret fil-15 t'Awissu 1945, f'dar li ġiet mislufa minn xi ħbieb tas-Soċjeta', peress li l-lokal tal-post kien żgħir.
Dan il-qasam biddel kemm-il darba l-lokal. Wara Triq Nelson, marru Triq Santa Marġerita, Triq l-Oratorju imbgħad marru fi Triq San Ġorġ fejn jinsab preżentament.
Wara tant ġiri dan il-Qasam issa għandu lokal propjeta' tiegħu. Wara s-superjura Giovanna Caruana ġiet magħżula Lorenza Aquilina li damet sal-5 ta' Settembru 1989. Imbgħad ir-responsabilta tal-Qasam għaddiet f'idejn is-superjura Tessie Tabone, u preżentament insibu is-superjura Doris Fenech. Barra milli jgħallmu d-duttrina wkoll fil-Kappella ta' San Tumas.
It-18 ta' Jananr 1994 kienet ġurnata sabiħa għal Qasam ta' Bormla għax għall-ewwel darba żar il-Qasam waqt żjara pastorali l-Arċipriet G. Mercieca. Qabel laqgħa ferrieħa mat-tfal huwa tkellem ma' l-ommijiet u wara kellu laqgħa kordjali mas-soċji.
Superjuri
- Cettina Borg 1911 - 1920
- Carmena Tabone 1920...
- Giovanna Caruana
- Lora Aquilina 1961...
- Tessie Tabone 1989 – 2000
- Josette Spiteri 2000 – 2004
- Doris Fenech 2004...
Soċi li ħallew impatt fil-Qasam
Is-Superjura Ġiovanna
Bħala preparatorja ġieli kienet tgħallimna hi meta Superjura Lora ma kinietx tkun tista u konna narawha qisha qaddisa. Wiċċha kien jixgħel hi u tgħallimna. Kienet soċja marradija, bla ħafna daqq tat-trombi imma kellha kelma soda u perswassiva. Kienet taħdem kwantita kbira ta’ grotti minkejja l-fatt li kienet ilha ħafna marida b’qalbha. Meta kienet l-isptar qabel mietet oħtha qaltli li hi stess ħietet nightdress bajda biex tindifen biha, u qatt fi ħmistax li damet l-isptar ma lisnet kelma ta’ dwejjaq jew inkwiet.
Is-Superjura Nina
Kienet ruħ spiritwali ħafna. Tant kienet titkellem bil-mod li konna noqgħodu ħafna kwieti u attenti għal dak li tkun qed tgħid u konna nirriflettu ħafna kif nistgħu insiru qaddisin. Kienet dejjem titlob meta jkollha bzonn xi ħaġa u qatt ma tikmanda. Darba Dun Ġorġ ġie fil-qasam u għas-Superjura Nina qal: ‘Din Superjura Chiara’.
Cetta Azzopardi
Soċja anzjana li kienet edukata ħafna u spiritwali ħafna. Niftakar li wara l-assenjatur kienet tiċċekkja ta’ kuljum li t-twieqi jkunu kollha magħluqa billi s-superjura kienet għamlitha nkarigata mit-twieqi tal-qasam. Meta ma felħitx titla fuq kienet tgħid lil xi ħadd minna biex niċċekkjaw ftit aħna.
Karmena Tabone u Cetta Valvo
Kienu jħeġġu ħafna lit-tfal biex jattendu għat-tagħlim tad-duttrina. Karmena kienet tinqala’ ħafna biex tagħmel il-grotti. Kienet taħdimhom sbieħ ħafna u kienet tinsisti li l-pasturi jkunu sbieħ ukoll.
Superjura Elvira Ellul
Kienet persuna tassew edifikanti. Anki meta lejn l-aħħar ta’ ħajjitna qatgħulha sieqha hija kienet dejjem irrassenjata u bi tbissima fuq fommha.
Dun Ġorġ u l-Kuntatt tiegħu mal-Qasam
Soċja fil-qasam ta’ Bormla tirrakonta:
F’Diċembru 1955 kellna sajda fil-qasam ta’ Bormla. Ġurnata minnhom ġie Dun Ġorġ. Hu laqqagħna lilna t-tfal fil-kappella. Dak iz-zmien jiena kont għadni tifla. F’ħin minnhom it-tifla ta’ quddiemi bdiet tidħak. Dun Ġorġ għajjat magħha u keċċiha mill-kappella. Wara l-laqgħa bħas-soltu bierek il-ħelu biex iqassamulna. Lis-superjura Kekina qalilha biex terġa daħħal lil dik it-tifla li kien keċċa. Meta ġiet din it-tifla mbezza Dun Ġorġ qal lis-Superjura: ‘Agħtiha doppju ħelu’. U mbagħad dar lejn it-tifla u qalilha: ‘Rajt ix-xitan warajk’. Niftakar li jien dak il-ħin twerwirt għax kont bil-qiegħda warajha.
Attivitajiet fil-Qasam
- BBQs matul il-ġranet tas-sajf
- Tisjir u Handwork matul il-ġranet tas-sajf
- Live-In għat-tfajliet ta’ formazzjoni
- Early Breakfast għas-soċi u kandidati
- Ikla Lhudija
- Treasure Hunt fil-qasam għat-tfajliet ta’ formazzjoni fil-ġranet tal-Milied
- Party tal-Milied u Party fl-okkazzjoni tal-Preċett
- Pizza Party għat-tfajliet li jkunu għamlu l-Grizma ta’ l-Isqof
- Seminar għat-tfal tal-Griżma
- Christmas Concert għat-tfal u l-ġenituri tagħhom
Ġranet u Ħinijiet tat-Tagħlim tal-Katekiżmu
- Kinder, Year 1, Griżma 1 u Griżma 2
It-Tnejn u l-Ħamis mill-5.10pm sas-6.05pm - Preċett u Griżma 3
L-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-5.10pm sas-6.05pm - Il-klassijiet tal-Formazzjoni jkollhom kuljum
Attivitajiet Ġenerali li jsiru matul is-sena
- Tħejjija tas-Sagramenti - l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ta’ l-Isqof.
- Laqgħat għall-ġenituri – dawn jinħadmu mal-parroċċa u maċ-ċentri l-oħra.
- Laqgħa għat-tfajliet li jkunu għamlu l-Junior Lyceum Exams u attivita wara l-laqgħa
- Laqgħat għall-ġenituri tat-tfajliet ta’ formazzjoni.
Informazzjoni Biex Tikkuntatjana
Indirizz: MUSEUM BNIET,
65, Triq San Ġorġ,
Bormla Malta
Tel: (+356) 21806143