Qormi Qasam Nru 7 C
– Fil-parroċċa ta' San Bastjan, Qormi, kien ġa hemm Qasam, iżda dan kien imbiegħed miċ-ċentru tal-parroċċa fejn kien hemm ħafna familji bit-tfal. Għalhekk inħass il-bżonn ta' Qasam ieħor biex jilħaq il-bżonnijiet tat-tagħlim tar-reliġjon fil-parroċċa. Fit-3 t'Ottubru 1964, inxtrat id-dar nru. 62, Triq San Rokku. Xi benefatturi ħarġu parti mis-somma meħtieġa u l-kumplament ħarġitu l-Ekonomija Ġenerali. Il- post tħallas kollu f'Novembru 1968. Fil-Qasam intbagħtu 4 soċji u kandidata mill-Qasam B ta' Ħal Qormi stess. Dawn kienu Assunta Zahra li tpoġġiet superjura tal-Qasam, is-soċji Polly Borg, Maria Schembri u Grazzja Borg, u l-kandidata Doris Vella. Il-Qasam il-ġdid tbierek fid-9 t'Ottubru mill-Kappillan Dun Ġużepp Cauchi. Tlett'ijiem wara beda jsir it-tagħlim tad-duttrina b'numru kbir ta' tfal. F'Ġunju 1965, tressaq l-ewwel grupp ta' 77 tifel u tifla għall-Ewwel Tqarbina u 29 oħra għall-Griżma ta' I-Isqof. F'Ġunju 1971, inkorporat l-ewwel soċja mill-Qasam il-ġdid. Din kienet Antonia Camilleri. L-ewwel ċerimonji tal-Preparatorji u tal-Magħżulin saru f'Mejju 1968. Fil-15 ta' Gunju 1968, is-superjura Sunta marret tingħaqad fis-sema mal-Mulej u t-tmexxija tal-Qasam ingħatat f'idejn is-soċja Polly Borg, iżda din ħalliet is-Soċjeta ftit xhur wara. F'Diċembru ta' l-istess sena tpoġġiet bħala superjura, Mary Lewis, soċja minn Ħal Qormi li dik il ħabta kienet taħdem fil-Qasam Marsa A. Is-superjura Mary damet fil kariga sa 1-1981 meta rriżenjat u minflokha tpoġġiet Evanġelista Mercieca, soċja mill-Qasam A ta' Ħal Qormi. Iċ-ċerimonja tas-superjura Vangela, kif kienu jsibuha, saret fl-4 ta' Mejju 1981. Imbagħad f'Ġunju 1990, it-tmexxija tal-Qasam ingħatat f'idejn Mary Debono li kienet superjura tal-Qasam ta' Santa Venera. Fil-Kapitlu Ġenerali ta' l-1994, is-superjura Mary Debono ġiet eletta membru KER u għalhekk ma setgħetx tkompli tieħu ħsieb il-Qasam. Is-Superjura Ġenerali, imbagħad, f'Settembru ta' l-istess sena, tat il-kariga ta' superjura lil Georgina Casha, soċja mill-istess Qasam. Is-superjura Georgina għadha tmexxi l-Qasam sal-lum. Fl-1988 instabet dar aktar adattata għall-Qasam. Din kienet id-dar nru. 32, Triq Corea, li għadha l-Qasam sal-lum. Il-Qasam beda jopera fid-dar il-ġdida f’Ottubru ta' l-istess sena u d-dar ta' Triq San Rokku nbiegħet. Maż-żmien saret manutenzjoni estensiva fil-Qasam. Fost affarijiet oħra, inbidlet il-gallarija u xi bibien. Fit-33 sena li l-Qasam VII C ilu miftuħ, saru ħafna attivitajiet u ċerimonji. Inkorporaw xi soċji u wħud minnhom intbagħtu jaħdmu f’Oqsma oħra. Kien hemm ukoll numru ta' soċji minn Oqsma oħra li marru jgħinu f’dan il-Qasam. Sa ftit taż-żmien ilu l-Qasam kien miżgħud bit-tfal żgħar u oħrajn imfarfrin. Maż-żmien fil-parroċċa infetħu klassijiet tad-duttrina u t-tfal fil-Qasam naqsu ġmielhom. Iżda s'issa l-Qasam għadu ħaj, jaħdem għall-ġid tat-tfal u l-kbar. Bħal kull Qasam ieħor, il-Qasam organizza Sajdat, laqgħat għaż-żgħażagħ, ħarġiet, u fuq kollox ressaq numru sabiħ ta' tfal għas-Sagramenti Mqaddsa. Okkażjoni sabiħa li baqgħet titftakar kienet is-Sajda li saret fl-okkazjoni tat-tberik tal-knisja l-ġdida, ta' San Bastjan, f'Mejju ta' 1 1982. F'din is-Sajda ħadu sehem ukoll is-Sezzjoni Maskili. Fit-tieni gimgħa tas-Sajda, l-istatwa tal-Madonna ta' Fatima ttieħdet iżżur kull post fejn kienu qegħdin isiru l-konferenzi mis-soċji. Nittamaw u nitolbu lis-Sinjur Alla li dan il-Qasam ikompli x-xogħol siewi tiegħu fil-parroċċa ta' San Bastjan, Ħal Qormi.