Marsaxlokk Qasam Nru 40

– Dan il-Qasam kellu l-bidu tiegħu fi żmien il-Kappillan Dun Salv Gatt. Għall-ewwel kien fergħa tal-Qasam taż-Żejtun. Ġara li s-soċja Victoria Bianco niżlet taħdem mas-sinjorina Ġużeppa Deguara u bdiet tgħallem id-duttrina fil-garaxx ta’ din is-sinjorina. Ma’ Vitor bdew jinżlu xi soċji oħra miż-Żejtun. Dawn bdew jgħallmu d-duttrina lit-tfal kollha subien u bniet, għax kien għad m’hemmx Qasam tas-Sezzjoni Maskili. Fis-16 t' April 1939, saret ċerimonja lil 22 Magħżula. Bdiet il-gwerra u s-soċi taż-Żejtun sabu diffikulta biex ikomplu jgħallmu d-duttrina. Għalhekk għal ftit taż-żmien ma niżlux Marsaxlokk. Il-gwerra ntemmet, iżda kienu għadhom ma reġgħux bdew jinżlu jgħallmu soċi miż-Żejtun u d-duttrina kien qed jieħu ħsiebha l-kappillan. Ġara li Mary Hili, soċja miż-Żejtun, li kienet għalliema fl-iskola ta' Marsaxlokk, ġiet mitluba mill-kappillan biex tibda tgħallem xi klassi tad-duttrina. Mary għarrfet b'kollox lis-Superjura Ġenerali u din tat il-permess lil Mary biex tibda. Dan kien fis-sena 1944. Is-Soċjeta reġgħet fetħet il-fergħa ta' Marsaxlokk u reġgħet bdiet tintbagħat xi soċja miż-Żejtun. Għall-ewwel id-duttrina kienet issir fil-kamra ta' l-armar tal-festa, imbagħad is-Soċjeta kriet post ċkejken fi Triq iż-Żejtun. Fit-8 ta' Settembru saret ċerimonja ta' Kandidata, iżda fil-Qasam taż-Żejtun, minħabba li f'Marsaxlokk kien għad hemm biss fergħa. Is-soċi mill-Qasam taż-Żejtun baqgħu jinżlu regolarment f'Marsaxlokk biex jgħallmu d-duttrina, u l-Assenjatur kien isir fiż-Żejtun. Is-Sezzjoni Maskili kellha dar f'nru. 18, Triq San Ġużepp. Maż-żmien inbniet dar aħjar u fid-dar ta' Triq San Ġużepp daħlu s-soċi tas-Sezzjoni Femminili. Dan kien fis-sena 1958. FI-1963, il-fergħa ta' Marsaxlokk ġiet mifruda mill-Qasam taż-Żejtun u saret Qasam ġdid bl-isem ta' Qasam nru. 40. Bħala l-ewwel superjura tal-Qasam il-ġdid tpoġġiet is-soċja Mary Hili. Għadda ż-żmien u fit-8 ta' Lulju 1983, inxtara l-lokal tal-Qasam. Sena wara sar xogħol estensiv fil-bini u sa 1-1984, id-duttrina kellha ssir fis-sala tal-parroċċa, Pompej. Fid-29 ta' Settembru 1996, festa ta' San Mikiel Arkanglu, Cettina Galea, minn Bormla, ġiet trasferita mill-Qasam ta' Marsa B, fejn kienet superjura, u ngħatat it-tmexxija tal-Qasam ta' Marsaxlokk minflok is-superjura Hili. Fil-preżent is-superjura ta’ Marsaxlokk hija ___________________________. Bħalissa, fil-Qasam ta' Marsaxlokk, minbarra s-superjura u l-ex superjura Marija, hemm biss soċja oħra, minn Ħal Għaxaq. Minn Marsaxlokk kienet inkorporat soċja waħda biss, Carmela Degabriele. Carmela kienet marret toqgħod Ħ' Attard mal-familja tagħha. Sadattant, l-attendenza tat-tfal hija numeruza u regolari. Bħal f'kull Qasam ieħor tas-Soċjeta, nixtiequ u nitolbu li l Qasam ta' Marsaxlokk jikber fin-numru tas-soċi, fit-tagħlim u fil-grazzja għall-glorja ta' Kristu.